• Storja tal-Banda Duke of Connaught's Own Band Club.

     

    L-ewwel soċjeta` mużikali f’Birkirkara ġiet imwaqqfa fis-sena 1865. Il-Fundatur ta’ din il-Banda kien Mro.Tommaso Galea, l-ewwel surmast tal-Banda. Sa minn sentejn qabel, dilettanti fil-mużika Karkariżi kienu jitħarġu l-mużika taħt is-Sur Karm Borg sakemm ġie deċiż li Birkirkara jkollha Banda bħal ftit irħula oħra li kienu diġa ġew imwaqqfa. Il-Banda ġiet imsemmija bħala “Filarmonica Sant’ Elena”. L-ewwel programm mużikali tal-Banda sar fil-Festa ta’ Santa Liena tal-1865 fi Pjazza Sant’ Elena, Birkirkara.

     

    Dak iż-żmien is-servizzi lokali tar-raħal kienu tnejn, il-festa titular ta’ Santa Liena u l-festa sekondarja tal-Madonna tad-Duttrina. Fil-bidu tal-wild tal-ewwel Banda Karkariża, Mro.Tommaso Galea kkompona diversi marċi proċessjonili li għadna nitpaxxew bihom sal-lum. Ikkompona wkoll l-ewwel Inno di Gloria għal Sant’ Elena, kapulavur ieħor ta’ dan is-surmast u fundatur tal-Banda.

     

    Dak iż-żmien is-servizzi lokali tar-raħal kienu tnejn, il-festa titular ta’ Santa Liena u l-festa sekondarja tal-Madonna tad-Duttrina. Fil-bidu tal-wild tal-ewwel Banda Karkariża, Mro.Tommaso Galea kkompona diversi marċi proċessjonili li għadna nitpaxxew bihom sal-lum. Ikkompona wkoll l-ewwel Inno di Gloria għal Sant’ Elena, kapulavur ieħor ta’ dan is-surmast u fundatur tal-Banda.

     

    Fl-1881, il-Banda bidlet l-isem għall-ewwel darba u konna nsibuha bħala “Societa Filarmonica di Birchircara.” L-ewwel sede tas-Soċjeta` nsibuha fi triq Dejqa viċin il-Pjazza. Sewwa sew fejn illum hemm il-Maħżen tal-Għaqda tal-Armar Sant’ Elena. Il-Każin kien jismu hekk: “Casino e Scuola, 24, Strada Sant’ Elena, Birchircara.”

     

    Fl-1890, il-Banda bidlet isimha għat-tieni darba u ġie jisimha: “Societa` Filarmonica L’Alleanza.” Fattur għaliex inbiedel l-isem kien il-politikali dak iż-żmien kienet fattur ewlieni li kien jaffetwa l-mentalita` tan-nies anke fid-deċiżżjonijiet li jittieħdu fis-soċjeta` Maltija, inkluż fil-każini tal-baned.

    Fl-istess sena, f’Birkirkara rajna t-twelid tat-tieni Banda Karkariza bl-isem ta’: “Filarmonica La Stella”/ Din is-Soċjeta` twaqfet wara, li fil-Banda tagħna li dak iż-żmien kien jisimha “L’Alleanza,” Mro. Tommaso Galea ddgħajjef minn saħħtu, u xi bandisti ndunaw li l-entuzjazmu għall-banda naqas sew. Ħallew il-Banda tagħna u fetħu din il-Banda, La Stella. L-ewwel surmast ta’ din il-Banda kien Mro. Gavino Camilleri. Aktarx li l-isem ta’ “La Stella” huwa marbut mal-festa sekondarja tal-Madonna tad-Duttrina. Biss l-isem “La Stella” żgur ingħata minħabba l-arma tal-kunjom Bugeja għall-Maestro di Capella tal-Kolleġġjata Elenjana Riccardo Bugeja.

     

    Is-sede ta’ din il-Banda kien jisimha hekk: “Casino e Scuola, 28, Strada Reale, Birchircara.” Din il-Banda bidlet is-sede fl-1900 u l-indirizz il-ġdid kien jaqra: “Casino e Scuola, 30 Strada Reale, Birchircara. Wieħed mis-servizzi ta’ din il-Banda kien fil-funeral tal-funadur tal-Banda tagħna, Mro.Tommaso Galea, meta ż-żewġ baned Karkariżi tawh l-aħħar tislima fl-14 ta’ Ġunju tal-1893.

     

    Fl-1895, l-isem tal-Banda reġa’ nbiedel għal: “Societa` Filarmonica Sant’ Elena”. Erba’ snin wara, s-surmast tal-Banda tagħna kien Mro. Raffaele Ricci. Dan is-surmast jibqa’ magħruf għal kapulavur ta’ innu l-kbir li kiteb għal Santa Liena. Dan l-innu l-kbir kiber fil-popolarita` tiegħu matul is-snin, tant li għadu jindaqq b’mod regolari sal-lum il-ġurnata. Huwa wieħed mill-isbaħ innijiet li nsibu fil-Ġżejjer Maltin. Mro. Raffaele Ricci kiteb ukoll diversi marċi, marċi proċessjonali u sinfoniji li llum il-ġurnata għadhom miġbura b’għożża kbira fl-arkivju tas-Secjeta`.

    Wieħed mis-servizzi li jibqa’ mfakkar kien meta waslet il-qanpiena l-kbira fl-1901. Din kienet il-qanpiena li nħadmet qabel dik li għandna issa.

     

    Fl-1903, l-isem tas-Soċjeta` nbiedel u għadu hekk sal-lum. L-isem komplut huwa: “Circolo Sant’ Elena e Filarmonica Duke of Connaught’s Own. Dak iż-żmien il-Banda kienet qed tħejji biex tagħmel uniformi ġdida. F’seduta tal-Kumitat kien ġie deċiż li ssir uniformi militari u għalhekk marret kummissjoni mmexxija mill-President ta’ dak iż-żmien, Dr. Alfred Parnis LL.D bil-proposta għall-uniformi militari ġdida għand id-Duka li kien qiegħed f’pajjiżna. Id-Duka aċċetta u anke ssuġġerixxa li jagħti ismu lill-Banda. B’hekk il-Banda reġgħet tgħammdet b’isem ġdid ta’ “Societa Filarmonica Duke of Connaught’s Own” li żammitu sal-lum.

     

    F’seduta tal-kumitat ġie deċiż li l-isem komplut ikun: “Circolo Sant’ Elena e Filarmonica Duke of Connaught’s Own.” L-uniformi l-ġdida ġiet mżanżna meta d-Duka stieden lill-Banda biex tagħmel programm mużikali fil-ġnien privat ta’ San Anton, il-Banda saritilha stima mid-Duka. Dak iż-żmien li jkollok isem irjali jew għal xi Kavallier kien ikun unur għal Banda u r-raħal tiegħek. Baned oħra b’isem irjali huma: “Queen Victoria” taż-Żurrieq, King’s Own, tal-Belt Valletta, “Prince of Wales” tal-Birgu u Re Ġorġ V fl-Imqabba.

     

    Fl-1904, it-tieni Banda Karkariża, La Stella xogħljiet. Biex tkompli tara kemm dak iż-Żmien kulħadd qabel mal-bdil tal-isem tal-Banda tagħna. B’hekk, l-okkorrent tagħha spiċċa fil-Każin tal-Banda tagħna.

    Fl-1908, is-sede tas-Soċjeta` ċċaqlaq u l-indirizz kien jaqra hekk: “Societa` Filarmonica Duke of Connaught’s Own Band, Strada San Rocco, Birchircara. Sfortunatament, eżatt liema dar f’din it-triq ma nafuhiex. Pero` probabilment, is-sede kienet viċin ħafna tal-Knisja ta’ Santu Rokku.

     

    Fl-1913, Banda ohra f’Birkirkara ġiet imwaqqfa. Din kienet il-“Banda L’Unione.” L-unika tagħrif li sibna rigward din il-Banda kien li s-surmast tagħha kien Mro. Emmanuele Spiteri u li waqfet teżisti wara ftit żmien. Fl-1914, is-sede tas-soċjeta` reġa’ nbiedel għal Pjazza Sant’ Elena. L-indirizz il-ġdid jaqra: Casino duke of Connaught’s Own, 1, 2, 3, e 4, Piazza Sant’ Elena, Birchircara.

    Interessanti wkoll li dik il-ħabta, il-President tas-Soċjeta` kien l-Avukat Francesco Buhagiar li maż-żmien laħaq anki Prim Ministru ta’ Malta u anka kien President tas-Soċjeta` fl-istess ħin. Żewġt itfal tiegħu laħqu Presidenti tas-soċjeta wkoll. Edgar Buhagair u William Buhagiar fi żminijiet differenti.

     

    Fl-1916, il-kumitat aċċetta t-talba tas-Surmast Direttur ta’ dak iż-żmien, Mro. Francesco Xuereb biex jagħmlu fergha mis-Soċjeta` bl-isem tal-“Compagnia Del Teatrino.”

    Bejn l-1913 u l-1917 twaqqfet Banda oħra f’Birkirkara. Din kien jisimha “Circolo filarmonica La Pace.” L-unika nformazzjoni li sibna kienu li s–sede ta’ din il-Banda kienet: 149, Strada Reale, Birchircara u li l-President tagħha kien Ġiovanni Baldacchino. Jidher ukoll li din il-Banda xoljiet wara ftit snin.

     

    Is-sena 1919 hija data mportanti fl-istorja tas-Soċjeta` tagħna. Kif għedna iktar qabel il-politika f’pajjiżna kienet taffetwa lin-nies mhux ħażin. Ġara li s-Soċjeta` tagħna kienet tappoħja bi sħiħ partit politiku fl-apert. Xi membri mill-Każin kienu jħaddnu f’qalbhom partit politiku ieħor. Dawn il-membri provaw jieħdu f’idejhom il-Każin iżda wara li probabilment kienu inqas sew fin-numru tkeċċew wara ksur ta’ regoli tal-istatut. Saħansitra, dawn fetħu Banda oħra li għadna nsibu sal-ġurnata tal-lum. L-isem ta’ din il-Banda jaqra: “Circolo Sant’ Elena.”

    Interessanti ferm nsibu li f’seduta importanti tas-soċjeta` għall-fini tal-istorja tal-baned Karkarizi tat-30 ta’ Marzu 1919, kien hemm persuna bl-isem ta’ Ignazio Sammut, li effettivament kien wieħed mill-funadaturi tac-“Circolo Sant’ Elena” li twaqqfet fl-istess sena, bagħat ir-riżenja tiegħu minn soċju u bandist, liema riżenja ġiet aċċettata mill-kumitat.

     

    Interessanti aktar hija li fis-seduta tal-Kumitat tas-Soċjeta` tal-14 ta’ Mejju 1919, fil-minuti tas-Soċjeta` naqraw ukoll kif fuq proposta tas-Sur Vincenzo Theuma, l-istess Ignazio Sammut, flimkien ma’ żewġ persuni oħra, ġie milqugħ lura bħala soċju taċ-“Circolo Sant’ Elena di Filarmonica Duke of Connaught’s Own.”

     

    Ninnutaw ukoll li l-ewwel President tac-“Circolo Sant’ Elena” kien Carmelo Sammut fl-1920. Ironikament ftit jiem qabel ic-“Circolo Sant’ Elena” ġiet imwaqqfa, l-istess Carmelo Sammut kien għadu Soċju taċ-“Circolo Sant’ Elena di Filarminica Duke of Connaughts’s Own.”

     

    Fl-10 t’Awwissu 1919 inġiebet lura f’Birkirkara l-vara titular tal-Patruna Santa Liena. Il-vara ġiet indurata mid-ditta Coleiro tal-Belt Valletta u saritielha kuruna tal-fidda li nġabret fost il-poplu Karkariz u nħadmet mill-arġentier Emmanuel Farrugia tal-Furjana kif ukoll kien bandist fir-Reġiment tal-Miliżja. Il-vara nġiebet lura minn ħdejn l-Istażżjon tal-ferrovija sal-Knisja Kolleġġjata Elenjana u kienet akkumpanjata miż-żewġ Baned Karkarizi, Duke of Connaught’s Own u Sant’ Elena. Madankollu, ritratt partikolari li jinsab fis-sede tas-Soċjeta` Każin Santa Liena, Banda Duke of Connaught’s Own, jidhru biss l-istandardi u bandalori kollha tal-Banda Duke of Connaught’s Own. L-ebda standardi jew bandalori u bandisti tal-Banda Sant’ Elena ma’ jidhru f’dan ir-ritratt. Infatti, l-ewwel darba li tissemma b’isimha l-Banda Sant’ Elena fil-minuti tas-Soċjeta` tagħna hi fis-seduta tal-25 t’April 1920.

     

    Santa Liena l-Wied

    Servizzi tal-Banda f’dak iż-żmien kienu fil-Festa titulari ta’ Santa Liena, fil-festi sekondarji, San Pawl, San Ġużepp, Santu Kruċ, Madonna tal-Karmnu, Madonna tal-Erwieħ u Madonna tad-Duttrina li kienet tħabbatha sew mal-festa titular ta’ Santa Liena.

    Fl-24 ta’ Settembru 1922, l-eks membri f’Detroit irregalaw standard lis-soċjeta` bl-istemma ta’ Detroit. Servizza barra r-raħal, il-Banda kienet tmur fil-festa ta’ San Bartilmew fil-Għargħur, fil-festa ta’ Santa Marija f’ Ħ’Attard, fil-festa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, fil-festa ta’ Santa Margerita u l-Kunċiżżjoni ta’ Bormla.

     

    F’Novembru tal-1923, il-President tas-Soċjeta` l-avukat Francesco Buhagiar laħaq Prim Ministru ta’ Malta. F’isem il-Partit Nazzjonalista ta’ Panzavecchia (UPM).

    L-ewwel mawra tal-Banda Duke of Connaught’s Own kienet bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 1926 fil-belt ta’ Katanja ġewwa Sqallija fejn anka ġiet irregalata standard bl-istemma tal-belt ta’ Katanja mir-residenti tal-belt ta’ Katanja.

    It-tieni mawra tas-Soċjeta` barra minn xtutna kien fis-7 ta’ Settembru 1930 ġewwa Noto fi Sqallija għall-festa ta’ San Corrado. Il-banda għamlet marċ fl-għaxra ta’ filgħodu u mmarċjat għall-ewwel darba b’pass mgħaġġel stil militari.

    Avvenimet importanti għas-soċjeta` kif ukoll għall-Birkirkara kien il-wasla tal-qanpiena l-kbira fis-17 ta’ Jannar 1932. Iż-żewġ baned Karkarizi akkumpanjaw il-qanpiena l-kbira minn Fleur De Lys sa fuq iż-żuntier tal-Kolleġġjata.

     

    Xi ħaġa nteressanti u ta’ kurżita` hija minn fejn ġie l-laqam TAL-GĦAMA lis-Soċjeta` Każin Santa Liena, Banda Duke of Connaught’s Own. Surmast li taż kontribut kbir lis-Soċjeta` kien Mro. Francesco Xuereb. Jidher illi dan is-surmast kien iħobb jilbes in-nuċċali tax-xemx waqt xi marċ u saħansitra fi programmi mużikali. Dak iż-żmien, in-nuċċali ma’ kienx daqshekk moda li jintlibes, ħlief għal persuni neqsin mid-dawl. Dan għalkemm hemm min jgħid li Mro Francesco Xuereb magħruf ukoll bħala “Ċikku l-Mażuk” kien nieqes mid-dawl u x-xemx qawwija speċjalment fil-Purċissjoni ta’ Santa Liena kienet tweġggħu u ddejqu. Għaldaqstant il-Banda ħadet il-laqam: TAL-GĦAMA Jingħad li dan il-laqam oriġina fl-ewwel snin tal-eżistenza tal-Banda Sant’ Elena u jista’ jagħti l-każ li kienu l-partitarji ta’ din il-banda stess li bdew jirreferu għall-Banda Duke of Connaught’s Own bħala Tal-Għama.

     

    Bejn l-1937 u l-1949, il-Festa esterna ta’ Santa Liena ma baqgħetx issir minħabba l-kwistjoni tal-Guspatronat. Fl-istess sena, 1937, il-Każin reġa’ ċċaqlaq minn Pjazza Sant’ Elena għall-palazz li tinsab fiħ fil-prezent fi Triq il-Wied. Kien il-Ħadd 12 ta’ Diċembru 1937 meta ħalliet is-sede tagħha fi Pjazza Sant’ Elena u b’marċ brijjuż niżlet il-Wied fejn tinsab illum. Fl-1940, inħadem l-Arkivvju tas-Soċjeta`,kapulavur ta’ Pietru Muscat.

    Il-Każin tal-Wied barra li serva bħala Każin tal-Banda, fi żmien il-gwerra serva bħala rifuġju wkoll.

    Avveniment li ħadet sehem fiħ il-Banda flimkien mal-Banda l-oħra Elenjana kien fl-għoti tal-George Cross billi esegwiet programm mużikali fil-15 t’April 1942. Dakinħar, iddebutta mal-Banda Anthony Sultana jew kif nafuh aktar bħala: Ninu. Kellu biss disa’ snin u nofs. Maż-żmien, huwa sar l-aktar bandist li dam idoqq għall-Banda Duke of Connaught’s Own. Barra minnhekk, kien hemm ukoll membru fil-Kumitat Ċentrali għal diversi snin u għadu jgħin b’mod volontarjat lill-Banda.

     

    Il-Ħadd 19 ta’ Novembru 1944, l-istatwa tal-Immakulata Kunċiżżjoni u l-kwadru tagħha nkurunat reġgħu ittieħdu lura Bormla, wara li kienu miżmuma fil-Kolleġġjata ta’ Birkirkara matul il-Gwerra. Fiħ ħadet sehem il-Banda Duke of Connaught’s Own u l-Banda Sant’ Elena. Ta’ min isemmi li l-pellegrinaġġ għadda mill-Wied quddiem is-sede tas-Soċjeta'.

    Wieħed mis-surmastrijiet popolari f’pajjiżna huwa l-Magġur Anthony Aquilina. Fl-1 t’Ottubru tal-1945 inħatar Surmast tal-Banda Duke of Connaught’s Own Mro. Anthony Aquilina, dak iż-żmien kien għadu Kaptan. Huwa ndirizza lill-membri waqt seduta hekk:

    “Bħalma forsi tafu intom, ġa kelli offerti oħra ma’ banda oħra bi preżż ogħla, imma billi jiena ġejt infurmat li l-banda tagħkom hija waħda mill-aħjar u anki s-soċjeta` kollha hija ta’ first grade, jiena ddeċidejt li nagħżel il-banda tagħkom. U jien biex nurikom illi jien nixtieq niġi magħkom, u billi naf ukoll li intom sejrin tagħmlu saġrifiċċju kbir rigward is-salarju tiegħi ta’ £20 fix-xahar, jiena hawn lest biex nagħtikom xahar fis-sena gratis; agħżlu dan ix-xahar li tridu intom.”

     

     

    Is-26 ta’ Settembru 1948, il-planċier il-ġdid tas-soċjeta` ġie armat għall-ewwel darba għall-wiri fil-Ġnien l-Argotti fil-Furjana waqt fiera organizzata mis-Soċjeta`. Eżattament ġimgħa wara, fit-3 t’Ottubru ġie inawgurat fi Pjazza Sant’ Elena.

    Il-Festa esterna reġgħet saret nħar it-3 ta’ Mejju 1950. Il-vara artistika ta’ Santa Liena kapulavur ta’ Salvu Psaila, ġiet milquha fil-bieb tal-Kolleġġjata miż-żewġ Baned Karkarizi fost il-ferħ u entużjażmu tal-Karkarizi.

    Fl-istess sena seħħet ġrajja mill-aktar kerha mhux biss għas-soċjeta` iżda għall-Karkarizi kollha. Din kienet it-traġedja tal-kamra tan-nar Sant’ Elena.

     

    Ġurnata mportanti fl-istorja ta’ pajjiżna u anki fl-istorja tas-Soċjeta` hija l-21 ta’ Settembru 1964, Jum l-Indipendenża ta’ pajjiżna. Il-Banda Duke of Connaught’s Own kienet ikkummissjonata biex ġurnata qabel jum l-Indipendenża, filgħaxija tagħmel marċ fil-Furjana u wara programm mużikali. Dan il-programm ittella’ quddiem il-ġnien tal-Mall, fejn kien hemm il-monument tal-Gran Mastru Vilhena, u li llum minfloku nsibu fil-fatt il-monument tal-Indipendenża. Dakinħar, ftit passi bogħod minn fejn saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Indipendenża, il-Banda Duke of Connaught’s Own kitbet l-istorja. Dan għaliex għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, il-Banda temmet is-servizz tagħha bid-daqq tal-Innu Ingliż, magħruf bħala l-“God Save The Queen.” Dan l-innu kien jindaqq minn kull banda fi tmiem kull programm mużikali, u issa bl-għoti tal-Indipendenża, ħadlu postu l-Innu Malti. Il-Banda Duke of Connaught’s Own, b’mod uffiċċjali kienet l-aħħar banda Maltija li daqqet il-“God Save The Queen” bħala l-innu uffiċċjali f’pajjiżna. Dan l-avveniment storiku ġie dokumentat u nħareġ ċertifikat għal din l-okkażżjoni daqstant speċjali. Ħamsa u għoxrin sena wara, il-“British Culture Association” ikkummissjonat pittura ta’ John Baldacchino ta’ dan l-avveniment imsemmi. Din il-pittura għadha sal-lum tinżamm b’għożża u kburija fis-swali tas-sede tas-Soċjeta`.

     

    Fl-1965, is-Soċjeta` Każin Santa Liena, Banda Duke of Connaught’s Own għalqet il-mitt sena mwaqqfa. Ġiet inawgurata bandalora tal-Banda f’għeluq dawn il-mitt sena mit-twaqqif tagħha u ġiet imżanżna fil-marċ tat-“Te Deum.

     

     

    Nħar l-Erbgħa 2 ta’ Jannar 1968 ħalla din id-dinja is-Surmast Direttur tal-Banda Mro. Carmelo Brincat fl-eta` ta’ 71 sena u postu ħadu ibnu stess, Mro. Emmanuel Brincat. Fl-1971, l-onorevoli avukat Joseph M. Fenech laħaq President tas-Soċjeta` u dam f’din il-kariġa sal-2005 meta mar jiltaqa’ mal-Mulej.

    F’Mejju tal-1977, is-Surmast Emmanuel Brincat irreżenja mill-kariga tiegħu u postu ħadu Mro. Andrew Coleiro. Is-Surmast Coleiro hadem hafna ghall-avvanz tal-Banda u bla dubju jibqa’ msemmi għar-repertorju kbir ta’ marċi brijużi u melodjużi li jpaxxu l-widna. Fost dawn insibu: Karmar, Magnus, El Sombrero, Nikita, Queen of Queens, Millenium, La Vincitrice, Agrigento, Standard Ahmar, The Victorians, Aħmar u Isfar, Anniversarju u ħafna oħrajn.

     

    Fl-1978, il-Festa ta’ Santa Liena kienet waħda memorabbli billi kienet qed tfakkar il-Festa Ċinkwantinarji ta’ Santa Liena. L-istatwa proċessjonali ta’ Santa Liena għaddiet minn quddiem is-sede tas-Soċjeta`. Din kienet it-tielet darba li l-istatwa maestuza ta’ santa Liena għaddiet mill-Wied wara l-1950 u l-1953. F’dik is-sena, il-kumitat iddeċieda li jippubblika ktieb fuq is-sehem tal-Banda Duke of Connaught’s Own f’dawn il-festi speċjali.

    Bejn id-9 u l-11 ta’ Diċembru 1983, il-Banda Duke of Connaught’s Own ipparteċipat fil-konkors tal-Baned Maltin u Għawdxin imniedi mill-Kumitat Festi Nażżjonali. Sfortunatament, erbatrax mill-bandisti ewlenin tal-Banda tagħna ġew inġaġġati fil-Forzi Armati ta’ Malta għal raġunijiet ta’ sigurta`, peress li f’ dak il-ħin tal-programm kienet qed issir manifestazzjoni politika fuq il-fosos tal-Furjana. Madankollu, il-Banda ġiet ikklassifkata fit-tielet post wara li l-Banda kellha esekuzzjoni mill-aktar sodisfaċenti.

     

    Fl-1984, sitt membri tas-Soċjeta` ħadu l-iniżżjattiva u kkommisjonaw statwa ġdida ta’ Santa Liena biex tiġi armata quddiem il-Każin. Il-membri nvoluti kienu Victor Galdes, Charles Borg, John Sammut, Lino Meli, Antoine Mizzi u Michael Dingli. Kontributuri finanzjarj o]ra kienu Anthony Sultana, Michael Spiteri u Catherine Bezzina, li ħallsu l-ispejjes tal-induratura, il-kuruna, iċ-ċurkett u s-salib ta’ din l-istatwa rispettivament. Xogħol ta’ din l-ewwel vara maħduma biex tintrama fit-triq kien l-iskultur bravu Għawdxi Michael Camilleri Cauchi.

     

    Fit-23 ta’ Settembru 1985 miet il-Muġġur Anthony Aquilina, Surmast tal-Banda koċittadina Sant’ Antnin u eks Surmast tal-Banda tagħna bejn l-1945 u l-1956. Il-funeral sar f’Birkirkara u għadda minn quddiem is-sede tas-Soċjeta`. Id-delegati tal-Banda Duke of Connaught’s Own u King’s Own ġew mogħtija prominenza fil-funeral billi kienu ż-żewg baned ċivili l-oħra li l-Maġġur idderieġa matul ħajtu.

     

    Il-Festi titular speċjali ta’ Santa Liena tal-1987 reġgħet rat lill-Patruna tagħna tgħaddi quddiem il-Każin fi Triq il-Wied. Sena wara, ġiet ikkummisjjonata vara oħra tat-triq. Din id-darba tal-Imperatur Kostantinu Manju riekeb fuq żiemel abjad. Ġie deċiż li din tinħadem ukoll minn Michael Camilleri Cauchi.

    Fl-anniversarju tal-25 Sena tal-Indipendenza, il-Banda ġiet mistiedna tieħu sehem f’maratona tal-baned. Fid-19 t’Ottubru 1989 ġiet prezentata pittura tal-Banda tagħna qed iddoqq l-‘God Save The Queen’ bħala l-aħħar Banda Maltija li daqqet l-innu nazzjonali Ingliż qabel ma’ pajjizna ġie ddikjarat indipendenti.

     

    Fl-1990, is-Soċjeta` fakkret il-125 anniversarju tagħha. Saru festi kbar u avvenimenti speċjali fosthom Akkademja Mużikali fil-Bazilika Elenjana. F’din is-sena wkoll, twaqqfet fergħa fi ħdan is-Soċjeta`. Ġie mwaqqaf il-Kumitat Żgħażagħ li huwa l-ewwel kumitat żgħażagħ f’Birkirkara u fost l-ewwel f’pajjizna. Fl-istess sena, il-Banda tagħna żaret il-faċilita` korrettiva ta’ Kordin u kienet l-ewwel Banda Maltija li qatt daqqet f’dan il-post.

    Is-sena 1994, kienet ta’ avviliment f’Birkirkara, f’Bormla u għal Maltin inġenerali, għaliex kienet qed tiġi giet iċċelebrata l-50 sena anniversarju tal-Pellegrinaġġ tal-Immakulata Kunċiżżjoni minn Bormla għal Birkirkara. Is-Sibt 19 ta’ Novembru 1994, il-Banda Duke of Connaught’s Own daqqet mal-vara tal-Immakulata u kien hemm ukoll il-Banda Sant’Elena. Dan il-pellegrinaġġ gibed ħafna nies. Fl-istess sena ġiet imwaqqfa fergħa oħra fi ħdan is-Soċjeta`, il-Grupp tad-Dilettanti tan-Nar 18 t’Awwissu. Dan kien jieħu ħsieb jaħdem nar tal-art għall-festa Elenjana u kien anka jiġi kkummissjonat ġo Festi oħra.

     

     

     

    Fl-1995, is-Soċjeta` fakkret il-130 Sena anniversarju twaqqif tagħha u kif ukoll il-ħames sena mit-twaqqif tal-Kumitat Żgħażagħ.Saru programm vokali u strumentali ġewwa l-Kulleġġ ta’ San Alwigi fi Frar u Akkademja Mużikali fil-Bazilika Elenjana f’April, xahrejn wara. Ġew ukoll irrekordjati sett ta’marċi brijjużi fis-sala tal-Każin. F’din is-sena, il-Banda marret idoqq barra minn xtutna. Għal l-ewwel darba fl-Belt ta’ Sorrento. Il-Banda taħt id-direżżjoni tas-Surmast Direttur Mro.Andrew Coleiro esegwiet programm fi Chiostro di San Francesco, fis-sala Ambra tal-lukanda Orienteu daqqet fl-okkazzjoni tal-Ottavo Concerto d’Autunno. Għamlet kunċert ukoll fil-Muniċipju tal-Komun Meta di Sorrento. L-akbar unur li kellha l-Banda Duke of Connaught’s Own kien li daqqet fuq quddiem fi sfilata ta’ Jum ir-Rebħa, festa nazzjonali taljana, fejn ħadu sehem il-Forzi Armati Taljani u l-korpi kostitwiti li mmarċjaw tul Corso Italia sal-Katidral, fejn sar pontifikatl ta’ ringrazzjament. Wara l-Banda ħadet sehem f’marċ lejn il-Monumento dei Caduti fejn is-Sindku ta’ Birkirkara poġġa kuruna. Wara l-Banda esegwiet programm ta’ siltiet folkloristiċi Maltin u Naplitani fil-Pjazza ewlenija ta’ dan ic-Ċentru storiku, fost l-entużjażmu ta’ dawk preżenti. Indaqqu wkoll marċi brijjużi fejn intlaqghu b’ċapċip kbir, speċjalment il-marċ popolari ‘Karmar’. Matul l-okkażżjoni dehret tperper ukoll fuq l-arblu l-bandiera Maltija.

     

    Żjara oħra tal-Banda Duke of Connaught’s Own saret f’Marzu tal-1999, fejn il-Banda siefret it-Tuneżija flimkien mal-Banda Imnarja tan-Nadur, Għawdex. Dawn daqqew fil-Karnival ta’ Tuneż f’Hamamet fejn ferħu lill-pubbliku b’marċi karnivaleski. Il-Banda Duke of Connaught’s Own daqqet ukoll f’lukanda 5 Star fl-istess Belt. Mat-toroq tal-Belt ta’ Nabuel, saret ukoll sfilata ta’ madwar sagħtejn b’ħames karrijiet, diversi kumpaniji taż-żfin u gruppi ta’ maskri grotteski mill-Maltin.

     

    Fis-sena 2000, kienet sena mportanti fl-okkażżjoni tal-50 Sena Bazilika. Saret akkademja fil-Bazilika mill-Banda Duke of Connaught’s Own u s-Soċjeta` ħallset l-induratura tat-tintinnablu tal-Bazilika. Dik is-sena, l-purċissjoni saret filgħaxija u għaddiet minn quddiem is-sede tas-Soċjeta` għal darb’oħra fi Triq il-Wied fost attendenza kbira ta’ nies li ħonqu l-Wied.

     

    Is-sena 2003 kienet festa oħra speċjali għaliex fakkarna l-1675 sena mill-mewt u l-glorifikażżjoni tal-patruna Santa Liena. Il-Banda Duke of Connaught’s Own tellgħet Akkademja vokali u strumentali fil-Bazilika Kolleġġjata Elenjana. Dakinħar il-programm intemm bl-Inno di Gloria l-antik nett, dak ta’ Mro.Tommaso Galea.

     

    Is-sena 2005, wara 34 sena taħt il-Presidenza tal-Onorevoli Avukat Joseph M Fenech, inħatar President ġdid, l-Avukat Carmel Chircop. Dan minħabba nuqqas ta’ saħħa tal-President Joseph M. Fenech. Il-Ħamis 24 ta’ Marzu 2005 miet l-istess Joseph M. Fenech. Fil-funeral daqqitlu l-Banda Duke of Connaught’s Own minn quddiem il-Każin fil-Wied għall-Bazilika Elenjana.

    Fis-sena 2007, eżattament fis-27 ta’ Ġunju 2007, Birkirkara waqgħet f’luttu kbir bit-traġedja tal-Kamra tan-Nar fejn ħalliet ħames persuni mejta u ieħor fil-periklu tal-mewt. B’xorti tajba, Joe Bonello li kien fil-periklu tal-mewt salva u huwa missier Elena Bonello, membru attiva` fis-Soċjeta`. Il-ħames vittmi kienu: Vincent Galea, Pawlu Bonnici, Sunny Borg, Richard Cardona u Carmel Farrugia. Il-funeral sar u daqqew il-Banda Duke of Connaught’s Own u l-Banda Sant’ Elena. Il-funeral beda minn quddiem il-Każin tas-Soċjeta, Triq il-Kbira, quddiem il-Każin tal-Banda Sant’ Elena għall-Pjazza Elenjana. Fl-istess sena miet ukoll is-Sur Anthony Vella li kien jokkupa l-kariga ta’ rapprezentant tas-Soċjeta` fil-Kumitat tal-Festa ta’ Santa Liena ta’ St Albans f’Melbourne, l-Awstralja.

     

    Is-sena 2008 tibqa’ mfakkra għal Festa kbira li kellna wara nuqqas tal-Festa 2007 minħabba li kienet tħassret minħabba t-traġedja tal-Kamra tan-Nar. F’din is-sena is-Surmast Mro. Andrew Coleiro ddeċieda li jirtiera wara servizz twil ta’ 31 sena Surmast tal-Banda Duke of Connaught’s Own. Postu ħadu Roderick Bugeja fuq anki surġeriment tal-istess Mro.Andrew Coleiro. Din is-sena wkoll sar Musical fl-Istitut Kattoliku bl-isem ta’ “Helena” li kien suċċess kbir organizzat mis-Soċjeta`.

     

    Waslet is-sena 2015, fejn f’ Birkirkara saru Festi kbar meta s-Soċjeta` bdiet tiċċelebra il-150 sena mit-twaqqif tagħha. F’din is-sena nħareg ktieb bl-istorja kollha tas-Soċjeta`. Dan il-ktieb fiħ xejn inqas minn 615 pagna mimlija bl-istorja mill-isbaħ ta’ din l-ikbar Soċjeta` Mużikali f’Birkirkara. Iżżanżnet bandalora tal-Banda fejn titgawda dejjem mal-purċissjoni Elenjana u fiha hemm imfakkar il-150 sena anniversarju. Saret Festa kbira oħra, fejn is-Soċjeta` anki stiednet Banda Taljana bl-isem ta’ Amadeus. Marċ tat-Te Deum kien kbir iktar mis-soltu bis-sehem ta’ żewġ baned f’isem il-Banda Duke of Connaught’s Own u jdoqqu minghajr ma jieqfu. Il-Purċissjoni kienet kbira bħas-soltu u kulħadd tpaxxa bil-Banda li dakinħar kienet qed iżżanżan lażż mal-uniformi sponsorjat mill-President Onorarju, il-Kavallier Michael Angelo Doublet. Sfortunatament, il-Festa ġiet imtapna bil-qtil makabru tal-President Dr Carmel Chircop. Fil-funeral daqqitlu l-Banda Duke of Connaught’s Own minn quddiem il-Kazin fil-Wied għall-Pjazza Sant’ Elena. Postu bħala President ħadu s-Sur Christopher Micallef fejn dam jokkupa din il-kariga sas-Sena 2020. Barra minn hekk huwa Kien jokkupa wkoll il-kariġa ta’ Delegat tal-Banda.

     

    Is-sena 2017, is-Surmast Roderick Bugeja rreżenja mill-kariga minħabba raġunijiet personali u minfloku nħatar l-Assistant Surmast Mro. Aurelio Belli fejn ghadu jokkupa din il-kariga sal-ġurnata tal-lum.

     

    Fil-Festa ta’ Santu Kruċ tas-sena 2018, rajna l-Patruna tagħna tgħaddi minn quddiem il-Każin għal darb’oħra biex jitfakkar il-150 sena anniversarju tas-Soċjeta`. Dan kien skedat li jsir fis-Sena 2016 iżda ma’ sarx minħabba l-maltemp. Din il-purċissjoni ġibdet numru kbir ta’ nies li ħonqu Triq il-Wied ta’ Birkirkara.

     

    Din il-Kitba saret mis-Sur Evair Grech.

    broken image